Personal tools

Malti

Id-Dikjarazzjoni ta’ Dublin


Il-Federazzjoni Ewropea tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali tal-Lingwa (EFNIL)

Is-Seba’ Konferenza Annwali, Dublin, 4-6 ta’ Novembru 2009

Id-Dikjarazzjoni ta’ Dublin

fuq ir-relazzjonijiet bejn l-ilsna uffiċjali u l-ilsna reġjonali u minoritarji fl-Ewropa

 

 

1.    B’riżultat ta’ kundizzjonijiet storiċi, soċjali u politiċi differenti, ir‑realtà lingwistika tvarja mhux ftit minn pajjiż għal ieħor matul l‑Ewropa. Il‑membri ta’ EFNIL, bħala istituzzjonijiet nazzjonali jew ċentrali tal‑istati membri tal‑UE, huma mixħuta biex jagħtu appoġġ lil‑lingwa/i uffiċjali u standard tagħhom permezz tar‑riċerka lingwistika, il‑pjanifikazzjoni tal‑istatus u l‑korpus, id‑dokumentaz-zjoni u l‑politika lingwistika. Barra minn dan, għandhom ir‑responsabbiltà li jsegwu mill‑qrib l‑iżvilupp tal‑użu tal‑lingwi u tad‑diversità lingwistika f’kull wieħed mill‑pajjiżi tagħhom.

2.    Termini bħal ‘lingwa minoritarja’ u ‘lingwa reġjonali’ x’aktarx ikunu mgħobbija b’tifsir ideoloġiku, u l‑istess jiġrilhom termini bħal ‘lingwa nazzjonali’, ‘lingwa uffiċjali’ u ħafna oħrajn li jintużaw biex jindikaw il‑qagħda jew l‑istatus ta’ lingwa (e.g. lingwa indiġena, awtoktona, etnika, inqas użata, kouffiċjali, mhux territorjali, dominanti, djalett). L‑użu ta’ firxa hekk wiesgħa ta’ termini diġà jindika li r‑relazzjoni bejn il‑lingwi u bejn il‑lingwa u s‑soċjetà hija komplessa ħafna. EFNIL beħsiebha tagħti sehemha biex titqajjem kuxjenza dwar l‑użu ta’ termini bħal dawn u tippromwovi l‑użu għaqli tagħhom f’dokumenti uffiċjali u f’politiki lingwistiċi.

3.    EFNIL tqis l‑ilsna kollha ndaqs fis‑siwi kulturali tagħhom, u dan – m’għandniex xi ngħidu – jinkludi l‑lingwi minoritarji. EFNIL ma tagħmel l‑ebda distinzjoni bejn il‑lingwi awtoktoni, tal‑immigranti u minoritarji fejn jidħlu l‑jeddijiet tagħhom għall‑aċċess għall‑għarfien u għall‑edukazzjoni lingwistika. Għal dan il‑għan, EFNIL hija tal‑parir li fil‑kurrikula tal‑iskejjel jidħlu kemm jistgħu lingwi, u tinsisti mal‑awtoritajiet statali biex jieħdu passi proattivi biex il‑lingwi minoritarji tal‑migranti jiddaħħlu fil‑programmi tal‑iskejjel u/jew biex, kull meta jkun possibbli, joffru opportunitajiet għall‑aċċess għall‑edukazzjoni b’dawn il‑lingwi.

4.    Il‑komunitajiet lingwistiċi li jgħixu barra mill‑istat‑omm tagħhom, jew li m’għandhomx stat‑omm, għandu jkollhom moħħhom imserraħ (ngħidu aħna, permezz ta’ ftehimiet bilaterali fejn jidħlu l‑komunitajiet bi stat/i‑omm jew b’atti legali adegwati fejn jidħlu l‑komunitajiet l‑oħra) li l‑pajjiż li huma ċittadini tiegħu jirrispetta u jgħożż id‑drittijiet lingwistiċi. Imġiba bħal din tista’ tgħin biex jitjiebu r‑relazzjonijiet, l‑iskambju u l‑kummerċ internazzjonali.

5.    Tipikament, ikun mistenni miċ‑ċittadini li jkollhom ħakma ta’ lsien partikolari (x’aktarx imsejjaħ lingwa ‘nazzjonali’ jew ‘uffiċjali’). Min ikun jixtieq jikseb iċ‑ċittadinanza jkun irid jagħti xhieda ta’ ħiltu f’din il‑lingwa. Fi ftit pajjiżi din il‑ħtieġa tkun tapplika għal waħda minn diversi lingwi uffiċjali. Madanakollu, dan m’għandux ifisser li lingwi awtoktoni oħra, bħala lingwi kostitwenti tal‑pajjiż u parti mill‑wirt kulturali tiegħu, m’għandhomx jiġu apprezzati. It‑tnaqqis mgħaġġel ta’ kelliema ta’ wħud minn dawn il‑lingwi f’dawn l‑aħħar żminijiet iħassibna mhux ftit. EFNIL tappella bil‑qawwa kollha lill‑awtoritajiet statali u lill‑pubbliku inġenerali biex jagħrfu l‑vantaġġi konjittivi, soċjali, u mhux inqas politiċi u ekonomiċi li tista’ tgawdi l‑komunità nazzjonali mill‑bilingwiżmu u l‑multilingwiżmu tal‑membri kollha tagħha.

6.    Illum fil‑biċċa l‑kbira tal‑pajjiżi Ewropej hemm realtà lingwistika x’aktarx ikkumplikata li mhux dejjem tidher ċar minħabba n‑nuqqas ta’ statistika reċenti ta’ min jorbot fuqha. Billi EFNIL tagħraf il‑kundizzjonijiet ta’ pluralità soċjali fl‑Ewropa u l‑ħtieġa għall‑għaqda soċjali, hija impenjata biex iġġib ’il quddiem iċ‑ċittadinanza plurilingwi u biex taħdem id f’id ma’ organizzazzjonijiet Ewropej oħra sabiex tiġbor u xxerred tagħrif ta’ min jorbot fuqu u l‑aħjar imġiba f’dan il‑qasam.

Document Actions