Malti
Ir-Riżoluzzjoni ta’ Firenze
l-Użu tal-Lingwa fit-Tagħlim u r-Riċerka fl-Università
Fl-Ewropa kollha qed tiżdied it-tendenza li jintuża l-Ingliż bħala l-lingwa tat-tagħlim u r-riċerka akkademika. Din hi aktar b’saħħitha fil-qasam xjentifiku milli fil-qasam umanistiku. It-tendenza li tiġi adottata politika ta’ ‘Ingliż biss’ f’pubblikazzjonijiet xjentifiċi u bħala mezz waħdieni tad-diskors f’konferenzi internazzjonali (u anke nazzjonali) kulma jmur qed tikber b’rata mgħaġġla. F’sitwazzjonijet bħal dawn, m’hemmx dubju li l-progress li sar fil-komunikazzjoni internazzjonali kien ta’ dannu għal-lingwi kollha, ħlief għall-Ingliż.
Dan is-sitwazzjoni hi simili fix-xjenzi soċjali, kif ukoll fil-qasam umanistiku. Fil-pajjiżi fejn l-Ingliż mhux lingwa nattiva, aktarx tissaħħaħ l-idea li, biex tifforma parti mill-komunità xjentifika internazzjonali, jeħtieġ tuża l-Ingliż u mhux il-lingwi nazzjonali.
Din l-attitudni, li qed narawha dejjem tikber, twassal għal riskju lingwistiku, konjittiv u kulturali reali ħafna. L-Ingliż mhuwiex mezz ta’ komunikazzjoni newtrali u lanqas mhu adattat għal kull sitwazzjoni. Bl-użu predominanti jew anke esklużiv tal-Ingliż, jitwarrbu t-tradizzjonijiet, il-kunċetti u l-metodi żviluppati f’lingwi oħra. Apparti minn hekk, ix-xejra dominanti fid-dixxiplini varji – li tiddetermina liema huma dawk it-temi u l-problemi meqjusa l-aktar relevanti – tista’ faċilment tkun iddominata mill-kelliema ta’ pajjiżi Anglofoni. Dan diġà jidher li influwenza l-allokazzjoni ta’ għajnuna finanzjarja għar-riċerka fil-pajjiżi l-oħra mhux Anglofoni.
- Għall-EFNIL, l-assoċjazzjoni tal-istituzzjonijiet uffiċjali tal-lingwi uffiċjali ta’ ħafna pajjiżi Ewropej, it-tendenza attwali li jintuża l-Ingliż biss bħala l-lingwa tat-tagħlim akkademiku fil-pajjiżi mhux Anglofoni hu ta’ tħassib kbir. Din it-tendenza li, fit-tagħlim u fir-riċerka tal-universitajiet ta’ dawn il-pajjiżi, jintuża l-Ingliż biss minflok il-varjanti lingwistiċi standard tagħhom, tirrestrinġi l-oqsma li fihom jintużaw dawn il-lingwi u l-iżvilupp tagħhom. B’hekk jiżdied il-periklu li tonqos id-diversità lingwistika tal-Ewropa, li hi essenzjali għad-diversità kulturali u għar-rikkezza tal-kontinent tagħna.
- L-EFNIL tagħraf għalkollox l-użu prattiku tal-Ingliż bħala lingwa awżiljarja għall-komunikazzjoni ta’ bejn ix-xjenzati u l-istudjużi li m’għandhomx lingwa oħra inkomuni. Madankollu, twiddeb kontra l-użu ta’ varjetajiet limitati tal-Ingliż bħala l-mezz dominanti jew esklużiv għat-tagħlim u għall-pubblikazzjonijiet f’ambjenti lingwistiċi oħra. Dan idgħajjef il-valur tal-lingwi l-oħra u maż-żmien jagħmilhom ferm anqas adattati għad-diskors xjentifiku. M’għandniex xi ngħidu, dan ipoġġi wkoll piż akbar fuq l-għalliema u edukaturi oħra, kif ukoll fuq l-istudenti, u jista’ jxekklillhom il-kreattività tagħhom.
- L-EFNIL tagħraf il-vantaġġi li hemm fl-użu tal-Ingliż bħala mezz internazzjonali ta’ komunikazzjoni, speċjalment f’dawk li jissejħu x-xjenzi ‘ibsin’, fejn anke forma b’Ingliż sempliċi tista’ tkun ta’ għajnuna biex tispjega sistemi ta’ komunikazzjoni semjotiċi oħra bħalma huma l-espressjonijiet matematiċi, it-tabelli, il-formoli tal-kimika, u d-disinji grafiċi. Madankollu, f’dawn l-oqsma wieħed għandu jħeġġeġ li jintużaw il-lingwi l-oħra, minbarra l-Ingliż, ħalli dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw diskors xjentifiku ta’ livell għoli, u jxerrdu l-informazzjoni fuq problemi u riżultati xjentifiċi għall-pubbliku inġenerali.
- L-istudjużi għandhom jużaw il-lingwa nattiva tagħhom, u lingwi adattati għall-kuntest tal-istudju tagħhom. M’għandhomx għalfejn jevitaw għalkollox l-użu tal-Ingliż imma għandhom jużawh biss bħala mezz sekondarju biex juru r-relevanza tal-argumenti u jesprimu l-konklużjonijiet tal-istħarriġ tagħhom.
- Għalhekk, l-EFNIL tappella lill-awtoritajiet akkademiċi u politiċi fil-pajjiżi mhux Anglofoni tal-Ewropa bl-aktar mod qawwi biex iħeġġu lill-għalliema u lill-istudenti jużaw il-lingwi rispettivi nazzjonali tagħhom fir-riċerka u l-istudju tagħhom.
- Fl-interess tad-diversità kulturali u lingwistika tal-Ewropa, l-EFNIL tappella wkoll lill-professuri, l-istudenti u l-amministrazzjonijiet tal-universitajiet fil-pajjiżi Anglofoni biex isegwu l-istudju u l-użu ta’ lingwi Ewropej oħra. Dan jgħin fil-ħarsien tad-diversità lingwistika u tal-valuri tal-Ewropa.
(approvata mil-Laqgħa Ġenerali tal-EFNIL, fl-Accademia della Crusca, tat-28 ta’ Settembru 2014)