Personal tools
You are here: Home Documents Resolutions Riga Resolution Malti

Malti

Ir-riżoluzzjoni ta' Riga
fuq il-politka lingwistika nazzjonali u Ewropea
approvata mill-Assemblea Ġenerali ta' l-EFNIL fit-13 ta' Novembru 2007
1.    Id-diversità lingwistika hija karatteristika essenzjali ta' l-identità u tal-wirt kulturali ta' l‑Ewropa. Din id-diversità tħaddan dimensjoni soċjali importanti: hija tassigura li kull ċittadin ta' kull Stat Membru jipparteċipa soċjalment u jkun ċittadin sħiħ tagħha. Id‑diversità lingwistika Ewropea u l-iżvilupp ta' ħila plurilingwi fiċ-ċittadini ta' l-Ewropa jeħtieġu appoġġ ikbar kemm mill-gvernijiet nazzjonali kif ukoll mill‑istituzzjonijiet ta' l‑Unjoni Ewropea.
2.    Il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn id-diversi politki nazzjonali u Ewropej jistgħu jseħħu biss jekk il-korpi li jsawru l-politka u l-ideat tagħhom ikunu f'kuntatt, biex niżguraw li l‑politki jersqu biżżejjed lejn għan wieħed u li l-miżuri tal-politki tagħhom ikunu effettivi. Għaldaqstant EFNIL qed tagħmel appell lill-Gvernijiet ta' l‑Istati Membri u lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea biex iwaqqfu Uffiċċju ta' Koordinazzjoni permanenti u Bord għall-Pariri magħmul minn esperti fit-tifsil u r‑riċerka tal-lingwa, bi qbil mar-Riżoluzzjoni adottata mill-Parlament Ewropew fl-4 ta' Settembru 2003 [2003/2057(INI)). EFNIL tosserva li kemm l-Uffiċċju kif ukoll il‑Bord jistgħu jirreferu għall-ħila professjonali u esperta ta' strutturi lingwistiċi eżistenti bħal EBLUL, ELC u EFNIL innifisha. Il-ħidma ta' gruppi esperti bħal dawn għandu jkollha l-appoġġ ta' l-Unjoni Ewropea. EFNIL tappella lill‑Kummissjoni Ewropea biex tipprovdi l-bażi legali meħtieġa għal appoġġ bħal dan.
3.    Il-miżuri ta' politka nazzjonali u Ewropea għandhom ikunu indirizzati lejn il-kisba ta' miri ċari u għandhom iserrħu fuq għarfien sod tal-fatti lingwistiċi. Id-dati empiriċi dwar is‑sitwazzjoni lingwistika u l-attitudnijiet tal-kelliema lejn il-lingwa għandhom jinġabru regolarment biex jipprovdu bażi adegwata u suffiċjenti għall-monitoraġġ tal-politki nazzjonali u Ewropej dwar il-lingwa. Aħna nipproponu li jkun hemm appoġġ finanzjarju u istituzzjonali b'riżq (a) l-armonizzazzjoni u l-iżvilupp ta' ġabra-dati nazzjonali dwar il-lingwa u (b) l-iżvilupp ta' stħarriġiet lingwistiċi mifruxa ma' l-Unjoni Ewropea bħalma huwa l-European Language Monitor, li fil-medda u d-dettall tagħhom ikunu jixbhu l-European Social Surveys (imma fil-qasam tal‑lingwa).
4.    EFNIL hija tal-fehma li fit-Trattat ta' Riforma u f'dokumenti formali oħra ta' l-Unjoni Ewropea, ir-rispett għad-diversità kulturali u lingwistika ta' l-Ewropa għandu jinftiehem fis-sens ta' appoġġ attiv għad-diversità kulturali u lingwistika.

 

Document Actions