Personal tools
You are here: Home Documents Resolutions Budapest Resolution Malti

Malti

IR-RIŻOLUZZJONI TA’ BUDAPEST
FUQ L-ISFIDI LESSIKALI F’EWROPA MULTILINGWI

1. Il-Federazzjoni Ewropea tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali tal-Lingwa tappella biex ikun hemm infrastruttura multilingwi, mifruxa mal-Ewropa kollha, bħala kundizzjoni bażika għal Ewropa multilingwi tassew, u għal ċittadini plurilingwi.


2.  L-iżvilupp ta’ infrastruttura lessikografika moderna tal-aqwa kwalità, li tkun tikkonsisti f’korpi (paralleli), dizzjunarji mono-, bi- u multilingwi tajbin u f’ġabriet ta’ data lessikali, terminoloġiji, teżawri, wordnets u għodod u strumenti lessikali komparabbli, huwa conditio sine qua non għat-tagħlim u għall-użu ta’ lingwi (barranin) miċ-ċittadini Ewropej għat-traduzzjoni u l-interpretar, u għall-ipproċessar multilingwi ta’ testi b’sistemi u b’mezzi tekniċi.


3.    Għandu jkun hemm riżorsi lessikali bażiċi u ġabriet xierqa mill-inqas għal kull lingwa uffiċjali tal-UE: dawn għandhom jinkludu għodod u riżorsi bilingwi għal kombinazzjonijiet ta’ lingwi li mhumiex mgħammra biżżejjed mill-industrija kummerċjali tal-lingwi.


4. Meta tqis id-dimensjoni multilingwi tal-infrastruttura lessikali meħtieġa, li tmur lil hinn mill-iskop ta’ kwalunkwe qasam ta’ lingwa jew pajjiż, l-UE mistennija li jkollha rwol attiv fl-iżvilupp tal-infrastruttura tal-lingwa/lingwi uffiċjali disponibbli f’kull Stat Membru.


5. Għal dan il-għan, il-Federazzjoni Ewropea tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali tal-Lingwa qed tappella lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll lil entitajiet relevanti tal-UE biex:


a)   
iġibu ’l quddiem l-iżvilupp u d-disponibbiltà ta’ dizzjunarji bilingwi, ta’ għodod diġitali komparabbli u ta’ servizzi elettroniċi għall-kombinazzjonijiet kollha tal-lingwi li hemm ħtieġa ċara għalihom fil-komunitajiet tal-lingwi tagħhom, irrispettivament mill-argumenti kummerċjali marbuta mal-produzzjoni u r-reklamar ta’ dawn il-prodotti


b)   
iħeġġu ħalli jkun hemm teknoloġiji u metodi innovattivi li jużaw metodi ġodda ta’ ħolqien ta’ mezzi lessikali, u l-opportunitajiet ipprovduti mill-komunità elettronika, ħalli joffru appoġġ sostanzjali lin-netwerks ta’ esperti relevanti u lill-proġetti f’koperazzjoni tal-istituti lessikali tad-diversi stati membri tal-UE


ċ) jimbuttaw biex ikun hemm sħubijiet bejn organizzazzjonijiet pubbliċi u/jew pubbliċi u privati, ħalli fl-UE jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp ta’ industrija kompettitiva tal-lingwi li tinnota l-ħtiġijiet attwali tad-diversi komunitajiet lingwistiċi tal-UE


d)   
 jassiguraw li l-aspetti infrastrutturali jkunu integrati bis-sħiħ fil-politika kollha tal-UE relatata mal-promozzjoni tal-multilingwiżmu, il-plurilingwiżmu u t-tagħlim tal-lingwi Ewropej.


6.     L-EFNIL toffri l-ħila esperta tagħha biex tassisti lil dawk li jfasslu l-politika fl-iżvilupp u fl-analiżi ta’ dokumenti ta’ politika li jindirizzaw din l-isfida.

Document Actions